X’inhu l-coronavirus?
Il-coronavirus hu virus ġdid li jikkawża mard respiratorju. L-ewwel każijiet tfaċċaw fiċ-Ċina (f’belt jisimha Wuhan) f'Diċembru 2019. Probabbli l-virus ġie minn xi annimal.
F'liema pajjiżi hemm il-coronavirus?
Il-parti l-kbira tal-każijiet huma fiċ-Ċina, l-aktar fil-belt ta' Wuhan. Ġew rapportati każijiet ta' coronavirus f'diversi pajjiżi oħra, inkluż l-Ewropa, l-Amerika u l-Awstralja.
X’inhu ċ-ċans li din il-marda tiġi Malta?
Il-possibilità li din l-infezzjoni tiġi f’pajjiżna hi żgħira imma reali minħabba l-ivjaġġar bl-ajru.
X’għandu jagħmel xi ħadd li wasal Malta miċ-Ċina jew li kien f'kuntatt fil-qrib ma xi ħadd marid bil-coronavirus?
Jekk ikollu d-deni, sogħla jew nifs mgħaġġel fi żmien ġimgħatejn minn meta kien iċ-Ċina, dan għandu joqgħod id-dar, jevita kuntatt ma' persuni oħra, u m'għandux imur l-isptar jew fiċ-ċentri tas-saħħa. Għandu jċempel id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fuq 21324086.
X’inhu r-riskju li nimrad bil-coronavirus f’Malta?
Sa issa ma kien hawn ebda każ ta’ coronavirus f’Malta. Jekk ikun hawn xi każijiet ta’ coronavirus f’pajjiżna l-pazjenti jiġu iżolati biex ma jinfettawx lil ħaddieħor.
X’inhuma s-sintomi?
Is-sintomi jistgħu jkunu għejja, deni, sogħla u nifs mgħaġġel.
Kif jinxtered dan il-virus minn bniedem għall-ieħor?
Bħall-mard respiratorju ieħor, il-coronavirus jinxtered mill-għatis u sogħla, u minn kuntatt fil-qrib ma’ persuni morda jew mess ta’ oġġetti kkontaminati.
X’inhi l-kura għall-cononavirus?
M’hemmx kura speċifika għall-coronavirus. Il-kura hi mmirata biex ittaffi s-sintomi.
Kemm hi serja din l-infezzjoni?
Ħafna mill-pazjenti bil-coronavirus ikollhom sintomi ħfief u jfiequ, imma xi wħud ikollhom mard aktar serju (pneumonia) li jista’ jwassal għall-mewt.
Hemm tilqima kontra l-coronavirus?
Le, s'issa m'hawnx tilqima.
Kif nista' nnaqqas ir-riskju li nieħu mard respiratorju?
- Aħsel idejk bl-ilma u s-sapun jew uża alcohol gel.
- Evita li tmiss għajnejk, imnieħrek u ħalqek b'idejk mhux maħsula.
- Evita kuntatt mill-qrib ma persuni morda.